• Taħżiż6: Sejħa

    Community
  • 23 April 23:00 - 07 May 23:00
    Organized by:
  • Tafu lil xi żgħażagħ li jiktbu iżda li għadhom ma sabux l-opportunità ideali għalihom? Jew forsi inti stess tħobb tħażżeż xi żewġ versi imma toqgħod lura għax tibża’ minn xi żbalji bażiċi? Mela m’għandekx għax toqgħod lura milli tieħu sehem f’TAĦŻIŻ6, programm ta’ kitba kreattiva li qed jinfetaħ għas-sitt edizzjoni tiegħu. Dan il-programm iħarreġ żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena fil-kreattività tal-kitba. Is-sejħa għal din l-edizzjoni se tibqa’ miftuħa sat-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2018.

    TAĦŻIŻ6 se jkun imqassam f’seminars ta’ nofstanhar fix-xahar u seminar wieħed residenzjali, b’pubblikazzjoni u ċertifikat li jingħataw fi tnedija li tittella’ fl-aħħar. Matul il-programm se jkun hemm ukoll xi workshops miftuħa għall-pubbliku. Il-parteċipazzjoni hi b’xejn, imma jintalab depożitu żgħir li jingħata lura meta l-programm ikun komplut b’suċċess.

    Dawk iż-żgħażagħ interessati għandhom jibagħtu lil agenzija.zghazagh@gov.mt. L-applikanti għandhom jibagħtu d-dettalji personali (isem u kunjom; data tat-twelid; indirizz postali u elettroniku; u n-numru tal-mowbajl), kif ukoll dawn li ġejjin:

    − interessi oħra minbarra l-kitba;
    − ittra ta’ introduzzjoni u motivazzjoni;
    − CV f’forma ta’ storja qasira ta’ 150 kelma;
    − fotokopja tal-karta tal-ID (quddiem u wara); u
    − poeżija jew storja qasira miktuba riċentament.

    L-għażla finali tal-parteċipanti se tkun fid-diskrezzjoni tal-bord li jevalwa l-applikazzjonijiet. ’Il quddiem ikun hemm ukoll laqgħa introduttorja. Dan il-programm huwa miftuħ ukoll għal min diġà attenda, iżda tingħata prijorità lil min għadu ma ħax sehem.

    Taħżiż huwa programm ta’ empowerment tal-Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni tal-Għaqda tal-Malti – Università.